L-Għodda tal-biedja

Għodda li kienu (u x’uħud għadhom) jintużaw fil-biedja

Bosta għodod illum jinstabu f’xi kollezzjoni privata jew ġo xi mużew. Illum għodda bħal mgħażqa jew il-kruxxun għadhom jintużaw, iżda sa ftit snin ilu makkinarju ma kienx ikun hawn u allura kienu jaħartu bil-bhejjem billi l-gendus, bagħal jew ħmar kien jiġbed moħriet (xatba) li ħafna drabi kien ikun tal-injam u bl-imsiemer.

Il-qamħ kien jinqata’ bil-Minġel u kienu jużaw il-midra (nom mimmat minn dera) jew il-luħ li kien ikun forma ta’ pala biex f’xi ġurnata bir-riħ kienu iderru l-qamħ, u allura jifirdu l-qamħa mit-tiben u dan kien isir fuq il-qiegħa (ċirku tond ta’ biċċa art fl-għalqa). Peress li l-qamħ tqil kien jaqa’ isfel u t-tiben itir. Wara kienu jgħaddu l-qamħ mill-għarbiel tal-qiegħa.
Ir-Ronka/Minġla ftit iżgħar mill-minġel u dritta bis-snien u teħel mal-ħajt ġo qishom ċappetti li kienet tintuża biex iqattgħu silla u tiben biha f’qabdiet żgħar għall-bhejjem iżgħar.

Għalkemm insibu diversi għodod, ħafna bdiewa jsejħu l-istess għodda b’ismijiet differenti skont il-post eżempju n-naħa tal-Buskett – Rixketta tissejjaħ Rixtellu jew Moxt, Furkettun jissejjaħ Fekrun.
Ħad-Dingli – Gerxun jissejjaħ Fekrun u Rixketta tissejjaħ Moxt.

Il-Marloċċ hija l-parti tal-injam li tidħol fil-parti tal-ħadid tal-mgħażqa jew għodda oħra. Is-Satal kien ukoll barmil li kien jintuża biex isaħħnu l-ħalib fih jew jgħallu xi biċċiet tal-ħwejjeġ bojod biex jibqgħu bojod. Kienu jdendlu s-satal mill-għalaq (handle) ma’ biċċa njama biex iġorruh minn post għall-ieħor.

Fl-istampa hemm diversi ismijiet li jirreferu għall-istess għodda minn irħula differenti. L-għodda sabiħa iżda llum wieħed japprezza kemm il-makkinarju għamel differenza fil-ħajja tal-bdiewa speċjalment meta tara dawk il-qtajja ta’ qamħ enormi ppakkjati fuq xulxin qishom kaxxi tas-sulfarini.

Ta’ min isemmi li fl-Għarb Għawdex u fiċ-Ċittadella fil-Mużew tal-Folklor wieħed isib għadd ta’ għodda antika li kienu jintużaw fil-biedja.

James Lupi Spencer

Leave a comment